Agħraf, o nisrani, l-kobor tiegħek!
Ara x’qal il-Papa Ljun l-Kbir f’diskors lil Insara nhar il-Milied fis-sena 440 wara Kristu
Għeżież, illum twieled is-Salvatur tagħna; ejjew nifirħu. Mhuwiex sewwa li wieħed isewwed qalbu fejn hi mwielda l-ħajja, dik il-ħajja li qerdet il-biża’ tal-mewt u mlietna bl-hena tal-ħajja ta’ dejjem.
Ħadd mhu se jkun imċaħħad minn sehmu f’din ix-xrara ta’ hena li għalih kulħadd xorta waħda hu msejjaħ: għax Sidna, li qered id-dnub u l-mewt, bħalma ’l ħadd minna ma sab nieqes mill-ħtija hekk ġie biex jeħles lil kulħadd. Jithenna l-qaddis għax wasal għall-premju. Jifraħ il-midneb għax hu mistieden għall-maħfra. Jieħu r-ruħ il-pagan għax isejjaħ għall-ħajja.
Għax l-Iben ta’ Alla, fil-milja taż-żminijiet, kif fassal Alla fil-pjan għoli tiegħu li ħadd ma jista’ jiflih, sar bniedem biex jerġa’ jħabbeb il-bnedmin mal-ħallieq tagħhom, u hekk ix-xitan, li bih daħlet il-mewt fid-dinja, jintrebaħ bis-saħħa ta’ dik l-istess natura li biha hu kien ħareġ rebbieħ.
Kien għalhekk li meta twieled il-Mulej l-anġli għannew Glorja ’l Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u ħabbru sliem fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Għax huma raw lil Ġerusalemm tas-sema tibda tinbena mill-ġnus kollha tal-art. U jekk jifirħu daqshekk l-anġli, fil-kobor kollu tagħhom, kemm għandhom għax jithennew il-bnedmin, fiċ-ċokon tagħhom, quddiem għemil bħal dan tat-tjieba ta’ Alla, għemil li ħadd ma jista’ jfissru bil-kliem!
Niżżu ħajr ’l Alla, mela, għeżież tiegħi, permezz ta’ Ibnu, fl-Ispirtu s-Santu, għax fil-qalb l-aktar ħanina tiegħu, li biha ħabbna, huwa ħenn għalina; u, meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu, biex bih inkunu ħolqien ġdid, xogħol imsawwar mill-ġdid.
Ninżgħu l-bniedem il-qadim bl-għemejjel tiegħu; u, ladarba issa ksibna sehem fit-tnissil ta’ Kristu, ejjew niċħdu l-għemejjel tal-ġisem.
Agħraf, o nisrani, l-kobor tiegħek; int, li sseħibt ma’ Alla fin-natura tiegħu, la terġax taqa’ fil-post baxx ta’ dari b’ħajja mhix xierqa. Ftakar ta’ liema ras u ġisem int membru. Żomm f’moħħok li inti nqtajt minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet u għaddejt fid-dawl u s-saltna ta’ Alla.
Bis-sagrament tal-magħmudija sirt tempju tal-Ispirtu s-Santu; qis li Spirtu hekk qaddis li jgħammar fik ma tkeċċihx minnek b’għemejjel ħżiena u tintelaq mill-ġdid taħt il-jasar tax-xitan: għax il-ħlas tal-fidwa tiegħek hu d-demm ta’ Kristu.
Awguri għal Milied Qaddis minn Kattoliċi Maltin 🩵





