Alla u Dak li Aħna Għaddejin Minnu - Ara X'Qal il-Papa fl-Angelus
Il-Magħmudija tal-Mulej
Ara x’ Qal il-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fil-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej
Il-Ħadd, 11 ta’ Jannar 2026
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Il-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù li qed niċċelebraw illum tagħti bidu għaż-Żmien Ordinarju: dal-perjodu tas-sena liturġika li jistedinna biex nimxu wara l-Mulej, nisimgħu Kelmtu u nimitaw il-ġesti tiegħu ta’ mħabba lejn il-proxxmu.
Infatti, hu b’hekk li nikkonfermaw u nġeddu l-Magħmudija tagħna, jiġfieri s-Sagrament li jagħmilna nsara, jeħlisna mid-dnub u jibdilna f’ulied Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu li jagħti l-ħajja.
L-Evanġelju li smajna, jirrakkonta kif tnissel das-sinjal effikaċi tal-grazzja. Meta talab lil Ġwanni jgħammdu fix-xmara Ġordan, Ġesù “ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen il-Missier jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż” (v. 17). Dak il-ħin it-Trinita’ daħlet fl-istorja: bħalma l-Iben niżel fl-ilma tal-Ġordan, l-Ispirtu niżel fuqu u permezz tiegħu ingħata lilna bħala qawwa ta’ salvazzjoni..
Għeżież, Alla ma jogħqodx iħares lejn id-dinja mill-bogħod, bla ma jmiss ħajjtina, il-gwaj tagħna u l-istennija tagħna! Hu jiġi fostna bl-għerf tal-Verb tiegħu magħmul bniedem, u jwaħħadna ma’ proġett sorprendenti ta’ mħabba għall-umanità kollha kemm hi.
Għalhekk Ġwanni mistagħġeb isaqsi lil Ġesù: “Int tiġi għandi?” (v. 14) Iva, bil-qdusija tiegħu il-Mulej jitgħammed bħall-midinbin kollha biex jurina l-ħniena bla tarf ta’ Alla. L-Iben il-Waħdieni, li fih aħna lkoll aħwa, infatti, jiġi biex jaqdi mhux biex jiddomina, biex isalva mhux biex jikkundanna. Hu il-Kristu Redentur: jieħu fuqu dak kollu li hu tagħna, inkluz id-dnub, u jtina dak li hu tiegħu, jiġifieri l-grazzja ta’ ħajja ġdida u eterna.
Is-Sagrament tal-Magħmudija jikkonkretizza dil-ġrajja f’kull żmien u f’kull imkien, fina jintroduċi l-Knisja, li hi l-poplu t’Alla, magħmul minn irġiel u nisa minn kull nazzjon u kultura, imweldin mill-ġdid mill-Ispirtu tiegħu.
Għalhekk, niddedikaw dan il-jum biex inġeddu l-memorja ta’ dan id-don kbir li rċevejna, nimpenjaw ruħna li nkunu xhieda tiegħu bil-ferħ u l-koerenza. Propju llum għammidt xi trabi li saru ħutna ġodda fil-fidi: kemm hu sabiħ tiċċelebra l-imħabba t’Alla, li jsejħilna b’isimna u jeħlisna mid-deni, ilkoll flimkien, bħal familja waħda! L-ewwel wieħed fost is-Sagramenti hu sinjal sagru, li jakkumpanjana tul ħajjitna kollha. Fis-siegħat tad-dlam, il-Magħmudija hi dawl; fil-kunflitti tal-ħajja, il-Magħmudija hi rikonċiljazzjoni; fil-waqt tal-mewt, il-Magħmudija hi l-bieb tas-sema.
Nitolbu flimkien lill-Verġni Marija u nitolbuha twieżen kuljum il-fidi tagħna u l-missjoni tal-Knisja.
Wara l-Angelus:
Għeżież ħuti,
kif diġà għidt, dalgħodu – skont drawwa fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù – għammidt xi trabi, ulied xi dipendenti tas-Santa Sede. Issa rrid inbierek ukoll lit-tfal kollha li dal-ġranet irċevew jew se jirċievu l-Magħmudija, f’Ruma u fid-dinja kollha, u nqegħedhom taħt il-protezzjoni materna tal-Verġni Marija. Nitlob b’mod partikolari għal dawk it-tfal li twieldu f’kundizzjonijiet diffiċli, kemm minħabba raġunijiet ta’ saħħa kif ukoll minħabba perikli esterni. Jalla l-grazzja tal-Magħmudija, li tgħaqqadhom ilkoll mal-misteru paskwali ta’ Kristu, taħdem fihom u fil-familji tagħhom, b’mod effikaċi.
Ħsiebi jdur lejn dak li qed jiġri f’dal-ġranet fil-Lvant Nofsani, partikolarment fl-Iran u fis-Sirja, fejn tensjonijiet persistenti qed iġibu l-mewt ta’ ħafna persuni. Nawgura u nitlob li, bil-paċenjza tidħol il-kultura tad-djalogu u l-paċi fit-tfittxija għall-ġid komuni tas-soċjetà kollha kemm hi.
Fl-Ukrajna għadhom għaddejjin attakki partikolarment gravi fuq l-infrastrutturi tal-enerġija li qed jolqtu ħażin għall-aħħar lill-popolazzjoni ċivili, issa li qed tagħfas il-kesħa. Nitlob għal min qed isofri u nġedded l-appell biex tieqaf il-vjolenza u jkunu intensifikati l-isforzi biex tinġieb il-paċi.
U issa nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini preżenti llum fi Pjazza San Pietru. Grazzi, thank you, muchas gracias!
Insellem b’mod partikolari lill-grupp tal-iskola Everest, minn Madrid u l-assoċjazzjoni “Bambini Fratelli” minn Guadalajara, fil-Messiku: “Dejemos que los niños sueñen” (Ħallu lit-tfal jħolmu).
Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber għal Laikos



