(Is-Sibt, 24 ta’ Jannar 2026)
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa bir-Rit tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Sorpriża u ftit tal-biża’ ma’ kull tqala
Żgur li ħafna minnkom qegħdin hawn biex titolbu lill-Mulej ikompli jgħinkom fit-tqala tagħkom. Qegħdin hawn forsi minħabba s-sorpriża li tiġi ma’ kull tqala… għax kultant tqala tkun mistennija u mixtieqa forsi għal żmien twil, u kultant tqala ma tkunx mistennija u forsi mhix mixtieqa.
Ikun hemm xi ftit tal-biża’. Min jaf kif u min ser tkun din it-tarbija tagħna? Min jaf jekk tkunx f’saħħitha, ikunx hemm diffikultajiet? Uħud minna forsi ġa jafu li hemm xi diffikultajiet u allura qegħdin hawn biex nitolbu lill-Mulej permezz ta’ Ommu Marija biex ikun magħna u jidħol għalina.
It-tarbija mhix tagħna imma rigal mogħti lilna minn Alla
Dan ifisser li t-tarbija li hemm fikom, anki jekk forsi ħdimtu u stinkajtu, ippreparajtu u għamiltu li stajtu biex din it-tarbija tiġi, ma tiddependix totalment minna. Din it-tarbija mhix biss tagħna… anzi, mhix tagħna. Ikun ftit diffiċli nammettu ċerti veritajiet. It-tarbija li hemm fina hi don li ġie mogħti lilna minn Alla.
Mhux biss intom li ġejtu hawn biex titolbu l-barka fuq it-tqala tagħkom, imma wkoll min ilu jistenna u forsi għadu jistenna biex ikollu tarbija, dawk hemm barra u forsi hawn ġew stess li għandhom xewqa kbira li jkollhom tarbija imma ma jistgħux, xi drabi anki wara li jkunu użaw il-mezzi artifiċjali kollha possibbli. Dan kollu jurina li t-tarbija mhix tagħna: it-tarbija hi rigal fdat f’idejna.
It-tfal mhumiex oġġett li jissodisfa l-bżonnijiet imma persuni b’dinjità
Bħalissa ħafna drabi din inħossuha u ngħixuha b’ċertu rispett, biża’ u qima lejn Alla. Imma jiġrilna li meta jgħaddi ftit ieħor, meta titwieled it-tarbija, jew forsi anki qabel ma twieldet, ippretendejnieha, ridnieha, u forsi ’l quddiem għad nippretenduha u nqisuha bħala proprjetà tagħna. Meta persuna ssir proprjetà, oġġett, naqgħu f’ħafna żbalji, għax oġġett iservi biex jissodisfa l-bżonnijiet tagħna, bħalma tista’ tkun karrozza, kamra tas-sodda, kċina u kull oġġett li hemm fid-dar tagħna. L-ebda persuna li hemm fid-dar, la r-raġel, la l-mara u inqas u inqas it-tfal, ma jistgħu jservu biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħna, għax inkella ma jkunux aktar persuna imma jsiru oġġett. L-ebda persuna fostna llejla ma tieħu gost jekk tkun meqjusa bħala oġġett u mhux stmata bid-dinjità ta’ persuna kif tassew aħna.
Kif u meta nfittxu lil Alla?
Il-Vanġelu tal-lum (Mt 4:12-23) jurina b’mod ċar daqs il-kristall li kull persuna, inklużi aħna, imma fuq kollox it-trabi li ser jitwieldu, huma rigal ta’ Alla. Huma sejħa li Alla qiegħed jagħmlilna. Aħna nistgħu nwieġbu għaliha b’diversi modi. Nistgħu nfittxu biss lil Alla meta aħna għandna bżonnu, fid-drabi meta nindunaw li m’aħniex awtosuffiċjenti, li mhux kollox jiddependi minna. Infittxuh għax nibżgħu li tista’ tiġrilna xi ħaġa. Imma ħadd ma jieħu gost b’relazzjoni ta’ dan it-tip. Jekk ħabib jew ħabiba, ir-raġel jew il-mara jfittxuk biss meta għandhom bżonnok, inti sempliċement tħossok użat u tieħu għalik. Alla ma jiħux għalih, anzi, aktar ikun preżenti fil-ħajja tagħna anki jekk infittxuh biex ninqdew bih u nużawh. Imma aħna, meta qed infittxu lil Alla sempliċement għax qed nibżgħu jew inħossu l-bżonn, u fil-bqija ta’ ħajjitna nwarrbuh fil-ġenb, jaħasra nkunu qed nitiflu ħafna. Inkunu qed ninsew dik il-verità li bħalissa kull wieħed u waħda minnkom, missirijiet u ommijiet, qegħdin tgħixu: li tafu, tħossu u konvinti li t-tarbija li hemm fil-ġuf tal-omm ma tiddependix għalkollox minnkom imma hi rigal ta’ Alla.
Sejħa minn Alla biex tkunu ġenituri tat-tarbija li fdalkom f’idejkom
Allura nħeġġiġkom illejla biex din il-verità ma tinsewhiex. Meta Ġesù jgħaddi u jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu fuq xatt l-għadira tal-Galilija – lil Pietru, Indrì, Ġakbu u Ġwanni – ifakkarna li huwa sejjaħ diġà lil kull wieħed u waħda minna. U qiegħed isejjaħ lilkom biex tkunu ġenituri ta’ din it-tarbija illi hu qiegħed jafdalkom f’idejkom.
Inħeġġiġkom minn qalbi biex ma tinsewx din is-sejħa illi intom għandkom. Diġà l-ħajja tagħkom m’għażiltuhiex intom, ma ddeċidejtux intom li tgħixu. U wliedkom, it-tarbija li hemm fikom, lanqas hi ma għażlet li tkun fikom. U lanqas intom m’għażiltuha biex tkun fikom, għax jekk xtaqtu tarbija, ma tafux liema tarbija. Ma ddeċidejtux intom lil min, min ser tkun jew ikun dak li għandkom fil-ġuf tagħkom.
It-tarbija ssir oġġett meta l-ġenituri jinsew li Alla jsejjaħ
Inħeġġiġkom biex ma tinsewhiex din il-verità, għax jekk ninsew din ir-realtà, ’il quddiem, imma anki minn issa, tispiċċaw tieħdu ħafna żbalji. Jekk it-tarbija tkun sempliċement oġġett u intom għandkom x’tagħmlu, ma tridu xejn biex kif ikollha xahrejn jew tlieta, titfgħuha f’childcare centre. Jiena qatt ma nixba’ nikkundanna ċ-childcare centres sal-età ta’ sentejn. Dan jagħmluh il-psikologi kollha bis-sens.
Imma meta t-tarbija ma tibqax suġġett, persuna, u l-ewwel jiġu l-flus, il-kamra tas-sodda sabiħa illi rrid nidħol għal-loan ta’ ma nafx kemm biex nixtriha, u allura rrid immur naħdem… dik it-tarbija ssir oġġett inqas importanti mill-kamra tas-sodda. Ara kemm għandu raġun Ġesù u kemm jagħmel sens dak li qegħdin tagħmlu llejla, meta intom verament konxji li t-tarbija li qed iġġorru fikom hija rigal, persuna u mhux oġġett. Oqogħdu attenti, għax faċli jasal il-waqt meta dik il-persuna li hemm fikom tibdew tqisuha bħala oġġett.
Tnejn li jisseparaw, lit-tfal jibdew iqisuhom jew bħala xkiel jew bħala proprjetà, bħala vleġġa fil-ħorġ li biha jisparaw għal xulxin. Għiduli jekk humiex qed iqisu lit-tfal bħala oġġett! Jinqdew bit-tfal biex iweġġgħu lil xulxin. Għiduli jekk meta tuża l-kelma ‘tinqeda’ hux qiegħed tqis lil dawk il-persuni bħala oġġett! U nista’ nibqa’ sejjer b’elf eżempju ieħor.
Nitolbu lil Alla jgħinna nilqgħu lil uliedna bħala persuni
Ejjew nitolbu lill-Mulej illum biex mhux biss ineħħilna l-biża’ u jagħtina ċ-ċertezza li kollox ikun sew, imma biex dak il-biża’, dak ir-rispett, din it-tensjoni jħallihomlna, ħalli lil uliedna nqisuhom dejjem bħala persuna, rigal li ġej minnu u mhux proprjetà tagħna. Nitolbuha lill-Madonna llejla din il-grazzja għalikom. U jekk aħna lit-tfal inqisuhom bħala rigal, bħala don, ikunu kif ikunu, nilqgħuhom, naċċettawhom, inħobbuhom. Jekk nilqgħuhom bħala don u mhux bħala proprjetà, lit-tfal tagħna nkunu qed inqisuhom dejjem bħala persuni, ikunu kif ikunu, u jkunu min ikunu, u qatt bħala oġġett.










