ARA: X'Qal l-Arċisqof dwar il-Gwerra, ż-Żgħażagħ u l-Għid...
L-Arċisqof ħabbar li 39 adult se jitgħammdu fil-Lejl Qaddis tal-Għid
F’intervista li kellu illum fuq RTK103, Mons. Arċisqof tkellem dwar diversi temi rilevanti u ta’ interess – fosthom dwar il-gwerra fil-Medju Orjent, dwar d-donazzjoni tal-organi, dwar iż-żgħażagħ u dwar il-media u l-fidi. L-Arċisqof ħabbar ukoll li 39 adult se jitgħammdu fil-Lejl Qaddis tal-Għid, wara mixja twila ta’ preparazzjoni fil-fidi.
Dwar il-gwerra fil-Lvant Nofsani l-Arċisqof tenna li: “L-ewwel vittma tal-gwerra hija l-verità.”
Dwar id-donazzjoni tal-organi: “Dak li ma jibqax iservi lili jista’ jintuża biex jagħti l-ħajja lil ħaddieħor.”
Fuq l-isptarijiet tagħna: “M’hemmx mard, imma hemm il-morda; m’hemmx tbatija, imma hemm nies li qed ibatu.”
Dwar il-media: “Ma tistax tbigħ lilek innifsek għal aktar likes.”
Fuq il-fidi u l-magħmudija ta’ adulti: “Wara tant esperjenzi tul ħajjithom dawn l-adulti jagħżlu li jkunu Nsara bħalna.”
Aqra aktar fid-Dettal u ARA siltiet mill-Intervista ta’ Christine Delicata ma’ Mons. Arċisqof hawnhekk:
Il-Gwerra ġewwa l-Medju Orjent
L-Arċisqof talab biex aħna l-Insara nitolbu sabiex l-appell tal-Papa Ljun XIV għall-paċi u għad-diżarmament mill-armi jkollu effett, hekk kif jidher li s-sitwazzjoni tal-gwerra qed tiskala. L-Arċisqof qal li jidher li wara żewġ gwerer mondjali donnu ma tgħallimna xejn, għaliex il-gwerra donnu reġgħet saret normalità. Mons. Arċisqof qal li dan mhuwiex il-mument li wieħed jiġġudika t-tjubija jew il-ħsara li agħmel xi reġim u li filwaqt li huwa tajjeb li problemi pertinenti jiġu solvuti, wieħed irid iżomm f’moħħu l-ħsara li qed iġibu mhux biss l-attakki li qed iseħħu fl-Iran, iżda wkoll l-attakki li qed isiru fuq pajjiżi ġirien u oħrajn aktar imbiegħda.
“Ma naħsibx li nistgħu nsegwu l-aħbarijiet u nibqgħu trankwilli ħafna; irridu nafdaw fit-tjubija fundamentali tal-bniedem…” tenna l-Arċisqof.
Mons. Arċisqof qal li l-ewwel vittma tal-gwerra hija l-verità. Huwa qal li l-gwerer illum il-ġurnata nsegwuhom bl-immedjat aktar minn qatt qabel, imma dan ma jfissirx li dak li qed naraw u nisimgħu jikkorrispondi mar-realtà.
Huwa qal li tajjeb li nitolbu għal dawk li jixtiequ joħorġu mill-pajjiżi milquta mill-gwerra, inkluż diversi Maltin u Għawdxin. Huwa żied jgħid li huwa ta’ faraġ li l-awtoritajiet tal-Istat qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex il-Maltin jirritornaw lura Malta, u li saħansitra hemm pajjiżi ħafna akbar minn Malta li qed isibu diffikultajiet kbar biex jagħmlu dan.
Dwar l-Ittra Pastorali u d-Donazzjoni tal-Organi
Mistoqsi dwar għaliex l-Isqfijiet ħassew il-bżonn li joħorġu Ittra Pastorali dwar id-donazzjoni tal-organi fil-bidu ta’ dan ir-Randan Imqaddes, Mons. Arċisqof spjega li bħala Isqfijiet jixtiequ jitfgħu d-dawl tal-fidi fuq xi ħaġa li ħafna drabi l-poplu ma jkunx ċar fuqha. Huwa qal li l-Isqfijiet xtaqu jagħtu kelma ta’ fidi għal min ikun mħajjar jagħti organu minn tiegħu matul ħajtu jew wara mewtu.
Dwar organi prelevati minn persuna mejta, huwa tenna li x-xjenza llum tinsab f’livell avvanzat u li tiċċertifika li persuna tkun verament mejta qabel ma jittieħdu l-organi. Huwa enfasizza li huwa importanti li qatt ma tinqatel persuna biex jittieħdu l-organi tagħha.
“Illum, bl-avvanzi tax-xjenza, hemm l-opportunità li dak li ma jibqax iservi lili - għax il-Mulej sejjaħli għall-ħajja eterna - jista’ jintuża biex jagħti l-ħajja lil ħaddieħor.”
L-Arċisqof qal li dan huwa att li ma jiswiex flus, iżda huwa għotja kbira li biha persuna verament tagħti lilha nnifisha bħala sinjal ta’ mħabba. Huwa enfasizza wkoll l-importanza li l-mewt tkun ċertifikata b’mod irriversibbli u li l-persuna stess tkun tat il-kunsens tagħha għal dan il-proċess. Żied jgħid li din hija xi ħaġa ta’ valur kbir, iżda żgur mhijiex obbligu; hija att ta’ libertà kbira.
Huwa qal ukoll li hemm donazzjonijiet ta’ organi oħra li jistgħu jsiru matul il-ħajja u mhux neċessarjament wara l-mewt. Semma bħala eżempju att kbir u sabiħ l-għoti tad-demm, li wkoll juri mentalità li taħseb f’ħaddieħor. Huwa tenna wkoll li d-donazzjoni tal-organi qatt m’għandha ssir transazzjoni kummerċjali, iżda għandha tkun għotja gratwita.
L-Arċisqof żied li min jagħżel li jagħti organu lil ħaddieħor waqt li jkun għadu ħaj għandu jkun assigurat li d-donatur se jgawdi ħajja ta’ kwalità u li dan ma jkunx ta’ ħsara għal saħħtu.
Viżti Pastorali fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija u fil-Ħabs
Mons. Arċisqof tenna li, b’mod ġust, fil-jum tal-Ġimgħa bħala Nsara naħsbu b’mod partikolari fuq l-għotja ta’ Ġesù fuq is-salib, it-tbatija ta’ Marija u t-tbatija ta’ Ġesù Redentur.
Huwa qal li d-devozzjonijiet sbieħ bħall-Ħadd in-Nies, li sar fl-ewwel Ħadd tar-Randan, il-pellegrinaġġ bir-Redentur u dawk tal-Madonna tad-Duluri li se jsiru dalwaqt , għandhom ifakkruna wkoll li huwa importanti li niltaqgħu ma’ Ġesù li għadu jbati fid-dinja tal-lum.
L-Arċisqof qal li huwa għalhekk li jħoss il-bżonn, bħala ragħaj, li jżur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u anke ċ-Ċentru tal-Onkoloġija tas-SAMOC.
Huwa qal li f’dawn il-postijiet “m’hemmx mard, imma hemm il-morda; m’hemmx tbatija, imma hemm nies li qed ibatu.”
Mons. Arċisqof qal li jħoss il-bżonn li jkun hemmhekk fejn hemm it-tbatija, għaliex it-Tama u l-Ħniena ta’ Ġesù huma rilevanti f’kull ċirkostanza, anke f’dawk l-aktar diffiċli.
Meta l-pazjent iħossu kkurat b’imħabba, ikun qed iduq il-ħniena. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-pazjent ikun ikkurat b’imħabba sal-aħħar, għaliex it-tama tagħna ma tieqafx ma’ din id-dinja, iżda hija ċċentrata fuq il-wegħda ta’ Ġesù li qed iħejji għamara għalina fis-sema.
Huwa qal li xi drabi jiltaqa’ ma’ pazjenti li bil-ħarsa ta’ għajnejhom juruk li dak kollu li għamlu f’ħajjithom f’dan il-mument ma għadux ta’ wens; issa hija biss it-tama f’Ġesù li qed tagħtihom paċi kbira.
Dwar il-ħniena, l-Arċisqof qal ukoll li jekk ħabsi għandu dritt għall-parole, is-sentenza tiegħu għandha titnaqqas jekk ikollu kondotta tajba, u li s-soċjetà għandha tagħtih ċans biex ikollu bidu ġdid wara li joħroġ mill-ħabs.
L-Arċisqof jitkellem fuq il-Living Will
Mistoqsi dwar il-living will, huwa qal li din hija ħaġa tajba għaliex toffri ċarezza u anke possibbiltà li hija aċċettabbli fit-tagħlim Nisrani. Spjega li ħadd mhu obbligat jaċċetta terapija inutli. Għalhekk, permezz tal-living will, persuna tista’, waqt li għadha f’sensiha, tagħti direzzjoni lil dawk li jkunu qed jieħdu ħsiebha sabiex ikunu jafu minn qabel li ċerti terapiji li jkunu inutili hija ma tixtieqx tirċevihom.
Huwa semma wkoll lil Papa Ġwanni Pawlu II, li f’ħin minnhom meta kienu qed jitimugħ permezz ta’ pajp minn qata fi griżmejh qal: “Ħalluni mmur fid-dar ta’ Missieri.”
Mons. Arċisqof qal li m’hemmx għalfejn nagħmlu akkaniment terapewtiku. Huwa spjega li l-living will ma jistax jinkludi l-ewtanasja, iżda jista’ jinkludi x-xewqa ta’ persuna li ma tibqax tirċievi trattament mediku jew terapija li ttawwal il-ħajja b’mod artifiċjali u li żżid it-tbatija b’mod inutli.
Ir-risposta, qal l-Arċisqof, hija ċara u diretta: li persuna tesprimi x-xewqa li tevita terapija inutli huwa konformi mat-tagħlim tal-etika u tal-morali Nisranija.
Dwar iż-Żagħżagħ u dawk li se jagħmlu l-Griżma
Mons. Arċisqof qal li hija x-xewqa tiegħu li jiltaqa’ ma’ dawk ż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma personalment, għaliex m’għandux l-opportunità li jamministra l-Griżma f’kull parroċċa. Spjega li f’Malta hemm madwar 70 parroċċa, u ħafna minnhom jagħmlu żewġ ċelebrazzjonijiet jew aktar tal-Griżma. Żied li f’Malta l-Isqof Awżiljarju u l-Isqfijiet Emeriti wkoll jgħinu f’dan is-servizz.
Huwa qal li dawn il-laqgħat jagħtuh l-opportunità li jiltaqa’ maż-żgħżagħ, jismagħhom u huma wkoll jisimgħuh.
Huwa tenna li meta jżur l-iskejjel jippreferi ukoll jagħmel sessjonijiet ta’ djalogu, fejn l-istudenti jitkellmu u jagħmlu domandi. Spjega li l-istudenti mhux biss ikollhom kurżità dwar x’jagħmel l-Isqof, iżda wkoll ikollhom domandi eżistenzjali li jolqtuhom. Huwa qal li dan jagħtih l-opportunità li jiffoka r-risposta tiegħu, għal dak li jkunu għaddejin minnu l-istudenti.
Il-mistoqsijiet juru fejn tinsab il-qalb, il-ħolm u x-xewqat taż-żgħażagħ.
Mons. Arċisqof qal li din hija ġenerazzjoni li għadha quddiema sfidi kbar, iżda wkoll għandha tamiet u possibbiltajiet kbar. Huwa qal li jinkwetah b’mod partikolari l-addiction għas-social media, u saħaq li huwa importanti ħafna li ż-żgħażagħ jerġgħu jiskopru l-kuntatt personali bejniethom, mal-familji u mas-soċjetà. Qal li din hija kemm sfida kif ukoll opportunità għall-Knisja biex tgħin lin-nies jerġgħu jiltaqgħu bejniethom.
Huwa żied li dawn il-mezzi huma meħtieġa wkoll għall-evanġelizzazzjoni, iżda hemm bżonn noqogħdu attenti li ma jsirux kawża ta’ aljenazzjoni minflok komunikazzjoni soċjali. Qal li jekk il-mobile iżomm lill-persuna magħluqa fiha nfisha, dan mhuwiex healthy. Huwa awgura li ż-żgħażagħ isibu bilanċ bejn l-użu ta’ dawn il-mezzi u li qatt ma jabbandunaw il-kuntatt personali.
Il-Knisja u l-Media
Mons. Arċisqof qal li rridu nammettu li fid-deċennji li għaddew ix-xandir kien importanti ħafna, iżda llum il-preżenza diġitali saret essenzjali. Huwa qal li jibqa’ rilevanti li l-Knisja titfa’ dawl Nisrani fuq dak li hu importanti u fuq dak li qed jiġri madwarna. Fakkar li l-ewwel radju fuq livell internazzjonali kien ir-Radju tal-Vatikan, u li Guglielmo Marconi kien ta l-għarfien xjentifiku tiegħu lil Papa Piju XII biex jinbeda dan ir-radju.
Huwa fakkar ukoll li Gutenberg, meta stampa l-ewwel ktieb tiegħu, dan stampa il-Bibbja.
Il-messaġġ Nisrani dejjem mexa id f’id mal-media.
Mons. Arċisqof qal li tajjeb niftakru fil-kommissjoni li ta Ġesù lid-dixxipli biex ixandru l-Evanġelju sat-truf kollha tal-art, u li Ġesù nnifsu huwa l-Kelma magħmul bniedem. “Aħna għandna messaġġ ta’ min jisimgħu,” qal l-Arċisof.
L-Arċisqof qal li wieħed irid jibqa’ dejjem leali għall-ethos tiegħu. “Ma tistax tbigħ lilek innifsek għal aktar likes,” tenna l-Arċisqof. Huwa qal li l-media tal-Knisja għandha d-dmir li tagħti l-opportunità lil min għandu ċans jismagħha biex jisma’ l-messaġġ tagħha.
Mons. Arċisqof qal li huwa jemmen li kieku San Ġorġ Preca jisab fostna fi żmiena huwa kien jagħmel użu mill-mezzi komunikattivi tal-lum, għax hu dejjem uża l-mezzi kollha li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fi żmienu. Fakkar li mhux biss kien jipprietka fil-pjazez, iżda kien ukoll jistampa kotba, pamflets u manwali.
Huwa żied li San Ġorġ Preca kien jgħid li t-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid, u li għalhekk il-Knisja, permezz tal-media tagħha, trid tagħti għarfien mibni fuq il-verità. Saħaq li ħadd m’għandu dritt jippretendi li l-mezzi tal-Knisja jintużaw biex tixxandar mibegħda. “M’hemmx spazju għal min irid jippromwovi mibegħda, razziżmu jew intolleranza,” tenna Mons. Arċisqof.
Mons. Arċisqof qal li tkun ħasra kbira jekk il-media tal-Knisja tkun strument ta’ qerq jew inġustizzja. Żied li huwa dmir ta’ xhieda biex anke l-media tal-Knisja tikkoreġi l-iżbalji tagħha jekk xi ħadd qatt jitpoġġa f’dawl ħażin.
39 Adult se jitgħamdu fil-lejl tal-Għid
L-Arċisqof ħabbar li fil-Lejl tal-Għid ta’ din is-sena se jitgħammdu 39 adult li ilhom f’mixja ta’ fidi. Huwa qal li fosthom hemm grupp sabiħ ta’ persuni li jitkellmu bil-lingwa Ċiniża. Spjega li huwa jipprova juża l-lingwa ta’ kull persuna waqt l-amminstrazzjoni tar-rit tal-Magħmudija, u li din is-sena se jintużaw madwar 10 lingwi differenti.
Din is-sena, il-magħmudijiet tal-adulti se jinqasmu fi tnejn: waħda mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi fil-Katedral tal-Imdina, u oħra mmexxija minn Mons. Arċisqof stess fil-Kon-Katedral ta’ San Ġwann ġewwa l-Belt. Huwa qal li din hija l-ewwel sena li qed jiffaċċjaw dik li sejjaħ “problema sabiħa”: 39 adult li jixtiequ jitgħammdu f’daqqa fil-Lejl Imqaddes tal-Għid u li għalhekk ideċidew jaqsmu l-magħmudija f’żewġt ċelebrazzjonijiet differenti biex dawn isiru ilkoll b’dinjità. L-Arċisqof qal li dan huwa fenomenu li qed jidher ukoll fl-Ewropa u fl-Amerika, fejn mijiet u eluf ta’ adulti qed iħossu l-bżonn li jsiru Nsara.
Huwa qal li din hija aħbar tajba għall-Knisja.
Din hija aħbar tajba għalina għax aħna l-ewwel nies li nikkritikaw lilna nfusna bid-difetti li għandna, imma meta tisma’ b’dawn l-esperjenzi ta’ dawn ħutna li qed jitolbu l-magħmudija, tirrealizza wkoll li permezz tagħna, minkejja d-difetti tagħna, huma ltaqgħu ma’ Ġesù – u din hija xi ħaġa li timmeraviljak.
l-Arċisqof qal li l-kultura reliġjuża u popolari tagħna għadha strument li permezz tagħha wieħed jista’ jiltaqa’ mal-messaġġ Nisrani. Huwa tenna li wieħed jista’ jara simbolu jew sinjal u jgħin lil persuna tibqa’ taħseb u jgħinha tiltaqa’ ma’ Ġesù. Din l-għażla li wħud jagħżlu l-magħmudija f’età kbira lili tikkommovini, tenna l-Arċisqof. “Wara tant esperjenzi differenti tul ħajjithom huma jagħżlu li jkunu Nsara bħalna!” Peress li tgħammidna trabi, aħna din jaf li neħduha for granted, imma huwa fakkar li kull Nisrani fil-Lejl Imqaddes tal-Għid jerġa jġedded il-wegħdiet tal-magħmudija tiegħu permezz tar-rit tat-tiġdid tal-magħmudija.
Huwa awgura lil kull min jista’ jmur għall-Velja tal-Għid fil-parroċċi biex jagħmel dan. Mons. Arċisqof ħeġġeġ ukoll għall-parteċipazzjoni fit-Tridu tal-Għid li jibda b’Ħamis ix-Xirka. Huwa fakkar li nhar il-Ġimgħa l-Kbira tajjeb li nipparteċipaw mhux biss fil-purċissjonijiet imma wkoll fil-Funzjoni tal-Passjoni Solenni tal-Mulej u fl-Adorazzjoni tas-Salib. Huwa fakkar li Sibt il-Għid huwa mument ta’ silenzju kbir li jwassal sa’ filgħaxija, għall-Velja Solenni tal-Għid.
Huwa temm billi ta l-barka tiegħu lil kulħadd.
Agħfas Subscribe biex tirċievi dawn l-Artikli. Inħeġġuk tagħfas Follow fuq il-Paġni ta’ Kattoliċi Maltin ta’ Facebook u Instagram biex issegwi aktar minn dak li qed jiġri fil-Knisja Maltija.



