“Dun Ġorġ ġie jżuru fuq is-Sodda tal-Mewt…”
Qaddisin Madwarna
Dun Ġorġ Preca ma kienx biss magħruf għal qdusija kbira tiegħu, iżda kien magħruf ukoll għall-bilokazzjoni! Bħal Padre Pio u qaddisin kbar oħra, mhux l-ewwel darba li n-nies li għexu fi żmien Dun Ġorġ stqarrew li kienu qed ikelmu lil Dun Ġorġ fl-istess ħin imma f'postijiet differenti!
Illum jaħbat is-75 sena anniversarju mill-mewt tat-Tabib Giuseppe Agius Muscat, li kien Ministru tas-Saħħa u tas-Soċjal bejn l-1950 u l-1951. It-Tabib Agius Muscat kien magħruf għal-imħabba kbira li kellu lejn Ġesù, Marija u għall-Knisja. Wara mewtu bosta nies fil-bżonn kienu stqarru li bħala tabib, ma kienx iżommilhom flus iżda kien saħansittra jixtrilhom l-mediċini hu u jibqa' jsegwihom mill-viċin, fost affarijiet oħra ta' karita' li kien jagħmel 'il bogħod minn għajn in-nies.
Meta it-tabib kien wasal fl-aħħar ta' ħajtu martu Vinċenza, kienet marret tieħu direzzjoni spiritwali mingħand Dun Ġorġ Preca. Din talbitu biex jitlob għal żewġha li kien wasal fl-aħħar u li dejjem fittex li jgħix ħajtu skont l-Evanġelu Mqaddes. Dun Ġorġ weġibgħha fil-pront weġibgħha: "Tibżax, ħalli f'idejja, issa nieħu ħsiebu jien!"
L-Ispiżjar Arthur Felice li kien preżenti fejn it-Tabib Agius Muscat fuq is-sodda tal-mewt tiegħu jirrakkonta kif waqt li t-tabib kien agunija, f'daqqa waħda, it-tabib donnu ġie f'tiegħu, tħarrek 'il fuq fis-sodda u ħares lejn il-bieb, donnu ġie xi ħadd importanti. Huwa ta' tislima b'rasu, donnu qed jagħti tislima ta' rispett, u tbissem. Hemmek għalaq għajnejh u straħ fis-sliem. Wara l-mewt tiegħu, l-ispiżjar mistgħaġeb kif kien, kien qasam dak li kien għaddha minnu mal-mara tat-tabib u din dlok ftakret fi kliem Dun Ġorġ li kien wegħdha li fil-mument tal-mewt kien se jieħu ħsiebu hu!
Qaddisin kollha ta' Alla idħlu għalina, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna!
Dun Ġorġ Preca, Itlob Għalina 🩵





