Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Għand il-Mulej hemm it-tjieba.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, ħut Lazzru bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”. Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”.
Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen ija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.
Ġesù ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.
Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?”. Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.
Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih. Ġw 11, 3-7.17.20-27.33b-45
i. Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?”. Imbagħad neħħew il-blata.
Ġesù mqanqal għal darb’oħra
quddiem ħabibu Lazzru mejjet
quddiem il-kruha tal-mewt
quddiem dak li jidher midfun għal dejjem.
Ġesù jqanqal
jersaq qrib ir-realtà iebsa
iċaqlaq iċ-ċertezzi li jgħidulek “ma hemmx x’tagħmel aktar”
jiftaħ il-fidi għas-sorpriżi t’Alla.
Irrifletti:
Ma liema ġebla tissielet?
ii. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!”.
Saqajh mal-art,
quddiem il-qabar, qrib qlub miksura
għajnejh ‘il fuq
jara lil hinn, bi gratitudni lejn il-Missier li jidher assenti
b’vuċi qawwija
li tkellem l-impossibbli, lil min diġà mejjet: “Lazzru oħroġ!”
L-ebda ġebla, disfatta, falliment jew ħtija ma jżommu lil Alla lura.
Irrifletti:
Xi jfissru għalik dawn il-kliem indirizzati lilek? “Lazzru , oħroġ!”
iii. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.
Lil dawk b’qalbhom imnikkta
għat-telfa u l-firda
jissorprendihom mill-ġdid:
“issa tifgawhx” – il-ħajja tikber fil-libertà -
“Hollulu l-faxedx u ħalluh imur”.
Irrifletti:
Xi tfisser għalik li bl-imħabba tiegħek tkabbar il-libertà f’ħaddieħor?
3. Missierna
Dawn ir-riflessjonijiet u aktar tista’ ssibhom fuq il-Paġna ta’ Facebook tal-Knisja ta’ Sant’ Anna taż-Żebbiegħ, l-Imġarr.
Inħeġġuk tagħfas Follow.







