Ġesù fid-Deżert, Trump u L-Iran
Saltna fuq din l-Art.
Huwa minnu li bħalissa qed ngħixu t-Tieni Ġimgħa tar-Randan, pero fid-dawl ta’ dak għaddej fil-Medju Orjent, l-Evanġelju tat-Tentazzjonijiet ta’ Ġesu fid-Dezert jaf jixħet dawl ġdid fuq dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa.
X’qed jiġri bħalissa?
L-Istati Uniti flimkien mal-Iżrael nedew diversi attakki b’bumbardamenti fl-Iran. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio tenna li l-Istati Uniti qed tmexxi din l-operazzjoni biex ġġib fix xejn il-kapaċita’ distruttiva tal-missili ballistiċi Iranjani.
Skont Rubio, L-Iran kien qed jipproduċi mal-100 missila fix-xahar bl-intenzjoni li tant jipproduċu missili li jistabillixxu lilhom infushom bħala qawwa militari detrimentali fir-Reġjun. Sussegwentament, din is-setgħa tagħtihom l-immunita’ neċessarja biex jiproduċu l-ewwel armi nukleari tagħhom.
L-Eks Assistent Segretarju tad-Difiża Amerikana għal Medju Orjent, Dana Stroul, qalet li din l-operazzjoni hija l-ewwel azzjoni militari tax-xorta tagħha għaliex fiha l-Istati Uniti u l-Iżrael ħadmu tant viċin ta’ xulxin li qasmu ma’ xulxin data, riżorsi u anke agħmlu attaki konġunti.
Minn naħa tagħhom, l-Iran qalu li dan huwa attak malin għaliex saru hekk kif ġew fi tmiemhom diskussjonijiet diplomatiċi bejn il-ġiex partijiet ġewwa Geneva.
Ġesù fid-Deżert
Fl-Evanġelju skont San Mattew, li naqraw fl-Ewwel Ħadd tar-Randan, insibu lil Ġesù jsum għal erbgħin jum u jiġi mġarrab mix-xitan. Ix-xitan jippreżenta lil Ġesù tliet tentazzjonijiet, u t-tielet waħda hija din li ġejja:
“Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: ‘Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.’”
Ix-xitan jipprova jaqleb ta’ taħt fuq il-missjoni Messjanika u jippreżentaha bħala tentazzjoni lil Ġesù.
Madankollu, ilkoll nafu li s-Saltna ta’ Ġesù mhijiex ta’ din id-dinja. Fil-ktieb Jesus of Nazareth, il-Papa Benedittu XVI jfakkarna li min ma għandux is-setgħa fis-sema ma għandux is-setgħa vera fuq l-art. Fil-fatt, fl-Iskrittura nsibu li lil Ġesù “ingħatat kull setgħa fis-sema u fl-art” (Mattew 28:18).
Ġesù jirrifjuta din it-tentazzjoni tax-xitan biex jurina li s-Saltna tiegħu mhijiex ta’ din id-dinja. Il-glorja ta’ din id-dinja, bil-Grieg δόξα (doxa), hija illusorja u tiġi fix-xejn. Dan huwa bil-kuntrarju tas-Saltna ta’ Alla, li tikber permezz tal-umiltà u li tibqa’ għal dejjem.
Benedittu XVI jfakkarna li s-saltniet ta’ din id-dinja jibqgħu ta’ din id-dinja, u li kull min jistqarr li se jibni saltna perfetta fid-dinja bela’ l-lixka u l-velenu ta’ Satana. Ġesù ma ġiex fid-dinja biex jagħtina saltna ta’ din l-art; Ġesù ġie biex jurina lill-Missier.
Satana jipprova joffri saltna mingħajr prova u mingħajr is-Salib, iżda fit-talba tal-Missierna, li għallimna Ġesù, nitolbu: “la ddaħħalniex fit-tiġrib.” Dan ifisser li waħidna ma nistgħu nagħmlu xejn, u li huwa biss bil-qawwa ta’ Alla li nistgħu negħlbu l-ħażin u naslu biex inkunu werrieta tas-Saltna tas-Sema.
Għalhekk, filwaqt li ninsabu f’din id-dinja, aħna l-Poplu ta’ Alla ma għandniex infittxu li nibnu Imperi fuq l-art, iżda li nħabirku għas-Saltna ta’ Alla li diġà tinsab fostna.
Huwa għalhekk li n-Nisrani m’għandux iħossu komdu quddiem attitudni u diskors qarrieqi li jipromovi il-gwerra u l-armi bħala l-meżż ta’ kif tiġi stabilita Saltna ta’ paċi fuq din l-art.
Fl-istess waqt, l-Papa Ljun XIV ifakkarna kif ma teżistix Knisja separata mill-art, imma Knisja waħda ta’ Kristu inkarnata fl-istorja.1 Għalhekk huwa d-dmir tagħna li noħolqu ambjent li, bil-fidi, jippromwovi l-paċi vera fuq din l-art, filwaqt li nibqgħu dejjem orjentati lejn Alla u lejn s-Sema pajjiżna.
F’De Civitate Dei, Santu Wistin jikteb:
“Ngħixu f’din id-dinja (in hoc saeculo) ma jfissirx li għandna dar permanenti, iżda li aħna f’pellegrinaġġ lejn it-twettiq sħiħ tal-Belt ta’ Alla.”
Il-Gwerra u s-Saltna tal-Paċi
Mhijiex l-ewwel darba li, f’sitwazzjonijiet ta’ gwerra, nisimgħu lil xi wħud jinvokaw it-twemmin reliġjuż biex jiġġustifikaw atti li jġibu l-mewt. Benedittu XVI jfakkarna li meta l-ambizzjonijiet temporali u l-fidi jitħalltu flimkien, it-twemmin reliġjuż jispiċċa jakkomoda l-ambizzjonijiet politiċi u mondani.
Is-Saltna li jġib miegħu Ġesù hija għalhekk saltna liberatorja, maqtugħa minn kull ambizzjoni mondana.
Ix-xitan wiegħed lil Ġesù s-saltna falza tiegħu fuq kundizzjoni waħda:
“Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.”
L-isforzi u l-wegħdiet fierħa ta’ dawk li jridu jibnu saltniet fuq din l-art jitolbuna nwarrbu l-fidi tagħna f’Alla biex nemmnuhom.
J’Alla li aħna l-Insara nagħrfu li min iwiegħed Saltna fuq din l-art mhux qed jippreżentalna l-pjan veru tal-fidwa li wettaq Ġesù l-Messija, iżda tentazzjoni li ġejja mil-Ħażin.
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Aqsam dan l-Artiklu ma’ sħabek.
Agħfas Subscirbe biex tibda tirċievi dawn l-artikli.
Non esiste una Chiesa ideale e pura, separata dalla terra, ma solo l’unica Chiesa di Cristo, incarnata nella storia. Udienza Generale, mercoledì, 4 marzo 2026.







