Ġesù ma tbigħedx minna meta reġa’ lura fis-sema - Santu Wistin
Qari mid-Diskorsi tal-Isqof Santu Wistin
(Prietka 15, de Ascensione Domini, Mai 98:1-2; PG 44, 1115-1118)
Illum Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema: ħa jitilgħu qlubna miegħu fis-sema! Nisimgħu lil San Pawl jgħidilna: Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin tal-Missier; aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema u mhux f’dawk tal-art. Kif hu tela’ s-sema u ma tbigħedx minna, hekk aħna ġa qegħdin miegħu fis-sema, għalkemm għad mhux bil-ġisem ukoll, kif ġie mwiegħed lilna.
Kristu ġa hu fl-għoli tas-smewwiet, imma għadu jbati fuq l-art fit-tiġrib li miegħu niltaqgħu aħna l-membri tiegħu. Ta’ dan hu stess tana xhieda meta qal: Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? u meta qal: Kont bil-ġuħ u tmajtuni.
Għaliex mela aħna ma nilqgħux it-tiġrib ta’ din id-dinja waqt li qalbna hi mistrieħa ma’ Kristu fis-smewwiet permezz tal-fidi, it-tama u l-imħabba, li bihom aħna ningħaqdu miegħu? Hu, għalkemm fis-sema, hu magħna wkoll, u aħna, f’din id-dinja aħna wkoll miegħu fis-sema. Hu magħna bid-divinità tiegħu, bil-qawwa tiegħu, bl-imħabba tiegħu; aħna, għalkemm ma nistgħux inkunu miegħu bid-divinità kif inhu magħna, nistgħu nkunu miegħu bl-imħabba, bl-imħabba fih.
Hu ma tbigħedx mis-sema meta niżel fostna fid-dinja; lanqas tbiegħed minna meta reġa’ lura fis-sema. Hu stess jixhdilna li kien qiegħed fis-sema waqt li kien magħna fuq l-art, meta qal: Ħadd ma tela’ s-sema ħlief min niżel mis-sema, Bin il-bniedem li hu fis-sema.
Dan nistgħu ngħiduh minħabba l-għaqda tagħna miegħu, għaliex hu r-Ras u aħna l-ġisem tiegħu. “Ħadd ħliefu”, għaliex aħna ħaġa waħda miegħu: hu, għax Bin il-bniedem minħabba fina; aħna, għax ulied Alla minħabba fih.
Għalhekk San Pawl jgħidilna: Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu.Ma jgħidx “Hekk Kristu”, imma Hekk ukoll Kristu. Kristu mela hu ħafna membri, u ġisem wieħed.
Niżel mis-smewwiet għaliex ħenn għalina, u reġa’ lura fis-smewwiet hu waħdu għaliex aħna ħaġa waħda miegħu bil-grazzja tiegħu. Għalhekk ngħidu li Kristu biss niżel mis-smewwiet, u Kristu biss tela’ fis-smewwiet: mhux għaliex il-ġieħ tar-Ras jintilef fix-xejn fil-ġisem kollu, imma għaliex il-ġisem sħiħ ma jinfiridx mir-Ras.
Jekk dik l-kitba laqtitek, Ixxerjaha.
Il-Ħadd it-Tajjeb!








