Għeżież, huwa dmir tagħkom li …
Mid-Diskors tal-Papa San Ljun il-Kbir fl-Epifanija tal-Mulej madwar is-Sena 440 AD
Alla, fil-providenza u l-ħniena tiegħu, ħaseb biex f’dawk l-aħħar żminijiet jgħin lid-dinja ħalli ma tibqax tintilef, u għalhekk ried isalva lill-ġnus kollha permezz ta’ Kristu.
Fl-imgħoddi huwa wiegħed lill-patrijarka qaddis Abraham li kellu jkun il-missier tal-kotra bla qies ta’ dawn il-ġnus, mhux bis-saħħa tat-tnissil skont il-ġisem imma skont il-fidi, u għalhekk xebbah lil nislu mal-kwiekeb bla għadd biex il-missier tal-ġnus kollha jqiegħed it-tama tiegħu f’ulied mhux tal-art imma tas-sema.
Ħa jidħlu mela l-ġnus kollha fil-familja tal-patrijarka, biex il-barka tan-nisel ta’ Abraham jiksbuha wlied il-wegħda, ladarba wlied il-ġisem ċaħħdu lilhom infushom minnha. U fil-persuna tat-tliet maġi, ħa jqimu l-popli kollha lil dak li għamel il-ħolqien; ikun magħruf Alla mhux fil-Lhudija biss, imma fl-art kollha, biex ikun jista’ jingħad kullimkien li kbir hu ismu f’Iżrael.
Għeżież, fid-dawl ta’ dawn il-misteri tal-grazzja ta’ Alla, niċċelebraw b’ferħ spiritwali l-jum tat-twelid ġdid tagħna u l-ewwel sejħa tal-ġnus, u nroddu ħajr lil Alla l-ħanin li, kif jgħid l-Appostlu, għamilna denji li nissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl; hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż; għax, kif ħabbar Iżaija, il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl kbir idda fuqhom. Għal dawn in-nies il-Mulej qal ukoll: Lilek għad isejħu l-ġnus li ma għarfukx, u għandek jiġu l-popli li ma kinux jafu bik.
Dan hu l-jum li Abraham rah u feraħ, meta sar jaf li wliedu fil-fidi kellhom jitbierku fin-nisel tiegħu, li hu Kristu, u lemaħhom minn qabel, meta emmen li kien se jsir missier il-ġnus kollha, u filwaqt li sebbaħ lil Alla, żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.
Dan hu l-jum li David għanna fis-salmi, meta qal: Il-ġnus kollha, li int għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, u jsebbħu ismek, Sidi; u wkoll : Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Nafu li l-Mulej beda jagħmel dan minn dakinhar li l-maġi telqu mill-pajjiżi mbiegħda tagħhom, imxew wara l-kewkba u marru biex jagħrfu lis-Sultan tas-sema u l-art u jadurawh. Dawn il-qaddejja ta’ Alla jistednuna nagħmlu bħalhom, biex aħna wkoll, kemm nistgħu, naqdu lill-grazzja ta’ Alla li ssejjaħ lil kulħadd għand Kristu.
Għeżież, huwa dmir tagħkom ilkoll li tgħinu lil xulxin f’dan it-tħabrik, biex tkunu tiddu bħala wlied id-dawl fis-saltna ta’ Alla li fiha naslu bis-saħħa tal-fidi vera u tal-għemejjel tajba tagħna, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li jgħix u jsaltan ma’ Alla l-Missier flimkien mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen







