“Il-Persuna ta’ Ġesù ma bdiex teżisti fil-Milied”
Fil-jum tal-Milied, L-Evanġelju ma jippreżentax quddiemna xena mill-ħajja ta’ Ġesù — bħal maxtura, ir-rgħajja jew il-Maġi — imma jeħodna lura ferm qabel, fil-bidu nett.
“Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla.“
L-Evanġelju tal-lum jiftħilna perspettiva profonda: “Fil-bidu kien il-Verb.” Dawn huma kliem simili ħafna tal-kliem li bihom tibda l-Bibbja, meta titkellem dwar il-ħolqien: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art” (Ġenesi 1:1). Illum nisimgħu li l-persuna ta’ dik it-Tarbija li qed nikkontemplaw fil-presepju kienet teżisti qabel kollox: qabel id-dinja, qabel iż-żmien, qabel kull ħajja.
Il-persuna ta’ Ġesù ma bdietx teżisti fil-Milied; il-Milied hu l-mument meta l-Ħajja eterna tidħol fl-istorja tagħna. Imma l-Evanġelju ma jaħbix id-drama ta’ din il-ġrajja: id-dawl ġie fid-dinja, iżda ħafna għażlu d-dlam; il-Verb ġie għand niesu, iżda niesu ma laqgħuhx. Din mhux biss storja tal-imgħoddi. Hi realtà li tmiss ukoll il-ħajja tagħna, għax id-dnub u l-ħażen jibqgħu jippruvaw jaħlqu l-bieb quddiem Alla. Għalhekk il-Milied jitlob minna għassa, attenzjoni, u qalb miftuħa.
Bil-kelma Verb, San Ġwann jitkellem kemm mal-Lhud li kienu jemnu fil-Kelma ħajja ta’ Alla, kif ukoll mal-Griegi li kienu jfittxu t-tifsira u r-raġuni tal-ħajja. Xi wħud ifittxu lil Alla bil-qalb, oħrajn bir-raġuni. Il-Milied jgħidilna li Ġesù jilħaq it-tnejn: hu l-Verb li jitkellem mal-qalb u jagħti sens lir-raġuni. U dan il-Verb, li jilħaq il-qalb u r-raġuni, ma baqax idea: sar laħam u għammar fostna.
“U l-Verb sar bniedem u għammar fostna”
Bil-Malti nużaw “bniedem” iżda bl-oriġinal tintuża kelma li tfisser “laħam”: nitilfu l-qawwa drammatika tal-kelma Griega u wkoll is-sens ta’ fraġilità u vulnerabbiltà.
Alla ma beżax mid-dgħufija tagħna; daħal fiha. Il-Verb sar laħam: Alla daħal fil-fraġilità tagħna, mhux biex jevitaha imma biex isalvaha. Meta xi ħadd iħobb tassew, ma jibqax jitkellem mill-bogħod. Jiġi fil-qrib tal-ieħor, jaqsam id-diffikultajiet tiegħu. Hekk għamel Alla: sar wieħed minna, biex ikun qrib tagħna fil-ħajja tagħna.
U mhux biss: l-Evanġelju jgħid li ġie jgħammar fostna. Ma ġiex bħala viżitatur li jgħaddi u jitlaq, imma bħala wieħed li jibqa’. Jixhed jaqsam magħna l-ferħ u n-niket, it-tamiet u l-biżgħat, il-ħolm u d-diżappunti tagħna. Il-Milied allura mhuwiex biss tifkira sabiħa imma stedina konkreta. Jistedinna nħallu lil Alla jidħol f’ħajjitna kif inhi. Bla biza’ nistednuh jiġi jgħandna u fina biex jara l-ġrieħi tagħna u jfiejjaqhom. Dan hu l-misteru kbir u sabiħ tal-Milied.
Alla ma jibżax minn dak li nibżgħu minnu aħna; ejjew bl-eżempju u bl-għajnuna tiegħu, nieqfu ninħbew minna nfusna u nibdew naffaccjaw ir-realtà tagħna kif tassew hi.





