Ilma li jaqta’ l-għatx - It-Tielet Ħadd tar-Randan.
Riflessjoni dwar l-Evanġelju tat-Tielet Ħadd tar-Randan
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Illum, jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom.
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir.
U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma. Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”. Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara tant, li meta ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.
Ġw 4:5-15,19b-26,39a,40-42
i. Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir.
Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi
jieqaf f’Sikar, qrib il-bir ta’ Ġakobb
iġorr fuqu l-għejja ta’ Ġakobb,
ta’ żmien twil jaħrab minn ħuħ Esau (Ġen 33, 18-20)
iġorr fuqu l-għejja tagħna,
ta’ relazzjonijiet fraġli,
mixtieqa għal rabtiet li jagħtu l-ħajja (Ġożwe 24).
Irrifletti:
Liema għejja ġġorr?
Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”.
Bħas-Samaritana, għaddej!
B’xi mod miexi, ir-rutina għaddejja,
il-barmil f’idejja!
Imma fil-fond
hemm għatx, hemm tfittxija.
Għalkemm Ġesù bla barmil,
ftit, ftit, ilaqqagħna mal-għatx tagħna
kif ukoll mal-għajn tal-ħajja.
Irrifletti:
Kien hemm xi persuna, li għalkemm tidher fraġli, fetħitlek triq għall-ħajja?
iii. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.
Hemm laqgħat li jċaqilqu fik xi ħaġa,
li jiżirgħu fik fiduċja biex terġa toħroġ,
isserrep fis-sħana biex taqta’ l-għatx li kien moħbi.
Imma hemm ukoll laqgħa unika
li fiha qalbek tistrieħ:
fejn tisma’ u tiltaqa’ mas-salvatur tad-dinja.
Irrifletti:
Ieqaf ftit fil-presenza ta’ Ġesù, is-salvatur tad-dinja. Itolbu l-ilma.
3. Itlob il-Missierna
Dawn ir-riflessjonijiet u aktar tista’ ssibhom fuq il-Paġna ta’ Facebook tal-Knisja ta’ Sant’ Anna taż-Żebbiegħ, l-Imġarr.
Inħeġġuk tagħfas Follow.





![Daily Bible Reading Devotional [John 4:1-30, 39-45]-January 18, 2017 – Dust Off The Bible Daily Bible Reading Devotional [John 4:1-30, 39-45]-January 18, 2017 – Dust Off The Bible](https://substackcdn.com/image/fetch/$s_!TQTs!,w_1456,c_limit,f_auto,q_auto:good,fl_progressive:steep/https%3A%2F%2Fsubstack-post-media.s3.amazonaws.com%2Fpublic%2Fimages%2F164f157b-677f-4837-a56c-88188fb0a13f_4272x2848.jpeg)


