Inti Mimli bil-Grazzja ta' Alla? Jekk Le, Agħfas Hawn...
Qrar Lejlet il-Milied fis-Santwarju Bażilika tal-Karmnu fil-Belt
Waqt il-Quddies, kull nhar ta’ Ħadd fil-Kredu, nistqarru:
“U (Ġesù) ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.”
Din l-istqarrija hija parti mill-Kredu. L-ewwel parti ta’ dan il-Kredu nkitbet waqt il-Konċilju ta’ Niċea li seħħ 1700 sena ilu.
X’inhu Konċilju?
Konċilju huwa meta jinġabru l-Isqfijiet ta’ madwar id-dinja, f’unità mal-Papa, u flimkien iwieġbu għad-domandi, l-ereżiji jew l-isfidi tal-Knisja tal-mument. L-aħħar Konċilju li sar kien dak magħruf bħala l-Konċilju Vatikan II, li ġie fi tmiemu 60 sena ilu, fl-1965. Waqt il-Konċilju, l-Isqfijiet għandhom l-awtorità li jgħallmu b’awtorità dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin. L-ewwel konċilju ta’ din ix-xorta nsibuh fl-Atti tal-Appostli u sar mill-Appostli stess, l-ewwel Isqfijiet, ġewwa Ġerusalemm.
X’Ġara fil-Konċilju ta’ Niċeja?
Din is-sena qegħdin infakkru ukoll l-1700 sena minn mindu ġie kkonvokat il-Konċilju ta’ Niċeja. Dan huwa il-Konċilju li fih beda jinkiteb il-Kredu li ngħidu fil-Knisja kull nhar ta’ Ħadd.
Il-Konċilju ta’ Niċeja tlaqqa’ fis-sena 325 WK mill-Imperatur Kostantinu biex jindirizza l-ereżija ta’ Arju, li fi kliem sempliċi kien jistqarr li Kristu mhuwiex Alla.
B’riżultat ta’ dan il-Konċilju, Arju u dawk kollha li kienu jaħsbuha bħalu ġew skomunikati, u ġie fformulat il-Kredu li, bl-aktar mod ċar, jafferma li Ġesù huwa persuna waħda, imma għandu żewġ naturi: dik ta’ Alla kif ukoll dik ta’ bniedem. Jiġifieri, Ġesù huwa Veru Alla u Veru Bniedem.
Dan il-Kredu beda jingħad fil-knejjes kollha ta’ madwar id-dinja sal-lum il-ġurnata, u kien hemm xi żidiet oħra miegħu aktar tard fil-Konċilju Ekumeniku ta’ Kostantinopli, fis-sena 381 WK, biex jinkludi wkoll xi veritajiet dwar l-Ispirtu s-Santu.
X’jgħidilna dan il-Vers?
Il-vers mill-Kredu: “Ġie konċeput mill-Ispirtu s-Santu u twieled minn Marija Verġni” jixħet dawl fuq l-Inkarnazzjoni ta’ Ġesù.
Jenfasizza li Ġesù, filwaqt li huwa veru Alla, huwa wkoll veru bniedem. Ġesu mhuwiex nofs Alla u nofs bniedem, jew taħlita tat-tnejn flimkien - Ġesù huwa veru Alla u veru bniedem.
L-enfasi fuq il-konċepiment mill-Ispirtu s-Santu tfakkarna fil-kliem li qal l-Anġlu Gabrijel lil Marija nhar it-Tħabbira, meta qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta' l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.” (Luqa 1:35)
Il-vers: “Ġie konċeput mill-Ispirtu s-Santu u twieled minn Marija Verġni” jenfasizza wkoll li Ġesù twieled minn Marija Verġni.
Marija hija Omm Alla, filwaqt li baqgħet verġni qabel, waqt u wara t-twelid ta’ Ġesù.
Hawn niftakru f’dak li qal l-Anġlu lil San Ġużepp fil-ħolma li kellu: "Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom." (Mattew 1:21-22)
Il-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna li: il-Verġni Marija nisslet l-Iben etern fil-ġuf tagħha permezz tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u mingħajr is-sehem tal-bniedem.
Inti u Marija
Jeħtieġ li n-Nisrani jikkopera mal-grazzja ta’ Alla biex Alla jagħmel l-għeġubijiet ġewwa fih u fl-oħrajn.
Din l-istqarrija ta’ fidi hija opportunità biex niftakru kemm hi kbira wkoll il-qdusija ta’ Marija: din kienet tant miftuħa għall-grazzja ta’ Alla li Alla mhux biss ħadem l-għeġubijiet permezz tagħha, iżda saħansitra hija kkonċepiet permezz tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, u ġarret f’ġufha lis-Salvatur tad-dinja kollha.
Kemm ngħidu sew fit-talba tar-rużarju, li Marija mhux biss hija miftuħa għal grazzja ta’ Alla, iżda mimlija bil-grazzja!
Ċans biex Tqerr Nhar l-Erbgħa, Lejlet il-Milied
U jien kif se nikkopera mal-grazzja ta’ Alla?
Hekk kif ninsabu fi żmien il-Milied, tajjeb li nieħdu din l-opportunità biex nissaħħu fil-grazzja ta’ Alla, permezz tal-qrar u t-tqarbin, sabiex permezz tagħna Alla ukoll jagħmel għeġubijiet kbar.
Qabel u wara kull quddiesa li tiġi ċċelebrata fil-knejjes tagħna, wieħed ikun jista’ jqerr dnubietu għand saċerdot. Il-Patrijiet Karmelitani qed joffru wkoll opportunità ta’ ġurnata qrar għal kull min jixtieq: Lejlet il-Milied, l-Erbgħa 24 ta’ Diċembru, fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.
Filgħodu:
Mit-8:30 a.m. sa’ Nofsinhar
Waranofsinhar:
Mill-5:30 p.m. sas-6:30 p.m.
Filgħaxija:
Mill-10:30 p.m. sal-11:30 p.m.
(segwita mill-Quddiesa ta’ Nofsillejl)
“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.” — jgħid il-Mulej Ġesù.
Dan il-Milied, sib il-mistrieħ ta’ ruħek.
Dan il-Milied, erġa’ mur għand Ġesù, permezz ta’ Marija.
Awguri minn qalbna!
Jekk tixtieq tikkuntatjana biex nqabbduk ma’ saċerdot biex titkellem jew tqerr kellimna fuq 79963200 jew fuq WhatsApp







