L-Abort, il-Milied u l-Parlament Ewropew
Issa x'se jiġri?
It-Twelid tat-Tarbija Ġesù
Ninsabu fuq l-għatba tal-Milied, b’ħafna mill-knejjes u parroċċi tagħna bdew jiċċelebraw minn issa b’attivitajiet ta’ ferħ, għotjiet ta’ rigali sbieħ u presepji lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li, matul is-sena, jagħtu s-sehem tagħhom jew jirċievu l-formazzjoni nisranija tagħhom fil-parroċċi ta’ madwar Malta.
L-Milied huwa misteru ċentrali għan-Nisrani, għaliex fih l-Iben ta’ Alla sar Bniedem. Huwa fil-Milied li Ġesù, it-Tieni Persuna tat-Trinità, ħa fuqu n-natura dgħajfa tagħna fil-ġuf ta’ Marija Verġni, biex hi tagħtih lid-dinja bħala l-Veru Alla u l-Veru Bniedem biex jifdina.
F’dan iż-żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjoni, xi wħud fil-Parlament Ewropew ħassewh iż-żmien propizju biex jivvutaw favur aktar aċċess għall-abort madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
X’Ġara fi Brussell?
Nhar l-Erbgħa li għadda, il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej approvaw riżoluzzjoni biex permezz tagħha jissaħħaħ l-aċċess għall-abort fl-Unjoni Ewropea.
Dawn qalu li ħafna nisa fl-Unjoni m’għandhomx aċċess sħiħ għal abort, fosthom in-nisa f’Malta, u għalhekk jeħtieġ li ssir pressjoni akbar favur l-abort. Dawn talbu lill-Kummissjoni Ewropeja biex tistabbilixxi mekkaniżmu finanzjarju biex dawk n-nisa li ma jistgħux jagħmlu l-abort f’pajjiżhom stess jkunu jistgħu jagħmluh f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropeja.
Ir-Riżoluzzjoni għaddiet b’ 358 vot favur, 202 kontra u 79 astensjoni.
Kif ivvutaw l-Maltin
3 MEPs Maltin vvutaw kontra — Alex Agius Saliba (PL) u David Casa u Peter Agius (PN) qalu li l-aċċess għall-abort għandu jibqa’ kompetenza nazzjonali u mhux jidħol fuq livell ta’ UE.
2 MEPs Maltin astjenew — Thomas Bajada u Daniel Attard (PL) għażlu li ma jivvutawx la favur u lanqas kontra.
Roberta Metsola (PN) ma pparteċipatx f’dan il-vot għax tokkupa l-irwol ta’ President tal-Parlament Ewropew.
Issa x’se jiġri?
Minn issa ‘l quddiem, din ir-Riżoluzzjoni tinsab f’idejn il-Kummissjoni Ewropeja li, min-naħa tagħha, tista’ tagħżel kif tipproċedi.
Dan għaliex: din ir-Riżoluzzjoni trid l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u mhux se ssir liġi Ewropeja sempliċiment għaliex il-Parlament ivvota favuriha.
Il-Kummissjoni trid tiddeċiedi x’se tagħmel. Din tista’:
Taqbel mar-Riżoluzzjoni u tieħu azzjoni favuriha.
Tirrinunzja jew tagħti raġunijiet għalfejn mhux se timplimentaha għalissa.
Malta ma tistax tiġi sfurzata biex tipparteċipa f’dan il-mekkaniżmu propost mir-Riżoluzzjoni, għaliex l-abort huwa kompetenza nazzjonali u l-ebda istituzzjoni ma tista’ timponi l-abort fuq Malta.
In-Nisrani Iweġġa
Quddiem dawn l-iżviluppi, in-Nisrani iweġġa. Iweġġa għaliex il-proġett tal-Unjoni Ewropea jista’ jkun forza għat-tajjeb, kif fil-fatt diġà huwa f’ħafna mill-aspetti tiegħu.
In-Nisrani iweġġa wkoll għaliex it-termini ta’ “kompassjoni”, “ħniena” u “ugwaljanza” qed jiġu abbużati minn ideoloġija politika. Il-vera kompassjoni, ħniena u ugwaljanza bejn kull bniedem – fqir jew sinjur – tidher fil-ħidma ta’ tant nies ta’ rieda tajba, fosthom anke f’pajjiżna stess. Fosthom, ġewwa Dar Tgħanniqa t’Omm, li hija mmexxija mill-Life Network Foundation. Dar Tgħannieqa t’Omm tipprovdi għajnuna konkreta għal dawk in-nisa li jaffaċjaw problemi waqt u saħansitra wara t-tqala tagħhom. Din hija l-kompassjoni, il-ħniena u l-ugwaljanza vera.
L-Isqfijiet Ewropej ukoll tennew li jinsabu kkonċernati dwar l-attentati ripetuti biex liġijiet ta’ Stati Membri partikolari jiġu injorati għal raġunijiet ideoloġiċi. L-Isqfijiet tennew li l-ideoloġija m’għandiex postha fil-politika, iżda talbu li għandna naħdmu għal politika li ġenwinament tipproteġi u saħħaħ il-persuna tal-mara u li tiddefendi l-ħajja tat-tarbija.
In-Nisrani Jaf li…
In-Nisrani jaf ukoll li d-dawl ġie fid-dinja imma d-dlam ma għelbux. Jeħtieġ li n-Nisrani ma jħallix min ineħħilu l-ferħ tal-Milied li ġab miegħu Ġesù Tarbija.
Huwa tajjeb li n-Nisrani jinforma ruħu u jkun hu l-ewwel xhieda ta’ Kristu fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Tajjeb li nużaw dan iż-żmien qaddis biex nitħeġġu fil-fidi, nitolbu, nsumu u nagħtu karita. Ejjew nitolbu u ngħinu lill-ommijiet li jinsab fit-tqala tagħhom. Tajjeb ukoll li nitkellmu mal-politici tagħna u nuruwhom kif naħsbuha dwar dan is-suġett, ngħidulhom għaliex ninsabu kuntenti jew dispjeċuti bil-vot tagħhom u tajjeb ukolli li ngħidulhom x’se nagħmlu bil-vot tagħna.
Ejjew ma ninħlewx fi ġlied bla bżonn. Ejjew nxamru l-kmiem u nagħmlu l-ġid fis-skiet bħal dik il-ftit ħmira li tgħolli l-għaġna kollha. Għax dak huwa n-Nisrani.
Jeħtieġ li ma nitilfux it-tama, għaliex aħna ilkoll nemmnu fil-kliem li qal l-Anġlu lil Marija, li “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir!”
O Bambin Ġesù, kun int il-ferħ u l-ħena ta’ ħajjitna kollha.








