L-Għaqda f'Malta li Titlob għall-Mejtin...
AKTAR dwar l-Għaqda għas-Suffraġji tal-Erwieħ tal-Purgatorju
Bil-għajnuna t’Alla, is-sena 2026 hija waħda speċjali, għaliex taħbat il-mitt sena mit-twaqqif tal-Għaqda għas-Suffraġji tal-Erwieħ tal-Purgatorju, taħt il-Patroċinju tal-Madonna tal-Karmnu.
L-Għaqda ġiet imwaqqfa fit-Tarzna fis-7 ta’ Ġunju 1926. Kien bidu ċkejken fejn intefgħet iż-żerriegħa li maż-żmien kibret f’siġra li tat u għadha tagħti ħafna frott.
Illum, għall-grazzja t’Alla, l-għadd tal-membri ħajjin jaqbeż it-tlett elef ruħ, imxerda mal-ibliet u l-irħula kollha ta’ dawn il-gżejjer kif ukoll f’diversi artijiet oħra barra minn xtutna.
Kollox beda minn ċertu Ġużeppi Briffa, ħaddied fid-Dockyard. Dan ġie mqanqal mill-ħsieb li jibda jaghmel quddiesa darba fix-xahar b’suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju b’mod speċjali għall-ħbieb u mejtin. Huwa wettaq dan il-ħolma proprju fix-xahar tal-Qalb ta’ Ġesù tal-1926.
Minn dak in-nhar ’il quddiem, kull xahar kien jiġbor xi ħaġa żgħira tal-flus mingħand sħabu l-ħaddiema u b’dak li jiġbor jagħmel quddiesa. Aktar ma beda jgħaddi żmien din l-ideja kompliet tintlaqa’ tajjeb u kienu bosta dawk li bdew jagħtu l-offerta tagħhom, għaldaqstant xi drabi kien ikun hemm flus għal aktar minn quddiesa waħda fix-xahar.
Dan wassal biex, maż-żmien, in-numru tal-imseħbin kiber ġmielu u għalhekk inħass il-bżonn li jitwaqqaf kumitat biex jikkoordina l-ħidma. Bdew jinħolqu wkoll għadd ta’ kolletturi u promoturi f’diversi bliet u rħula, b’ħeġġa u b’perseveranza, bdew jaħdmu volontarjament sabiex din l-opra tixtered dejjem aktar.
Barra minn hekk, sa minn kmieni twaqqfu wkoll fondazzjonijiet ta’ quddies f’għadd ta’ knejjes differenti. Minn dakinhar sal-lum, l-Għaqda qatt ma ħarset lura u baqgħet tqassam elemożini biex isiru quddies u tqassim ta’ għotjiet ta’ karità, kemm f’dawn il-gżejjer kif ukoll fl-artijiet tal-missjoni.
San Ġorġ Preca u l-Għaqda
Minkejja li kollox beda fost il-ħaddiema tat-Tarzna, ma nistgħux ma nsemmux ir-rabta kbira li din l-Għaqda kellha sa mill-bidu tagħha ma’ San Ġorġ Preca.
Meta twaqqfet l-Għaqda tagħna, dan il-qaddis kien ilu kważi 46 sena u kif kienu jgħidu l-ewlenin membri, meta sema’ b’din l-inizjattiva, huwa qal li din kienet ħidma meħtieġa u f’waqtha.
San Ġorġ Preca kien jemmen bis-sħiħ fil-qawwa tat-talb u fis-suffraġju għall-erwieħ, u din il-konvinzjoni spiritwali kompliet issaħħaħ u tgħin lill-Għaqda tikber u tissaħħaħ tul is-snin.
L-Isqof wara l-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb fl-ewwel snin tal-Għaqda kien li l-membri jaqraw paġna kuljum, b’mod speċjali matul ix-xahar ta’ Novembru. Dawn il-ħsibijiet profondi maqsuma fi tletin paġna juru kemm Dun Ġorġ kien immedjat dwar il-Purgatorju.
Fil-quddiesa għall-membri, li fiha l-imghoddi Dun Ġorġ kien iqaddes ta’ kull sena fix-xahar ta’ Novembru, kien jispiċċa dejjem billi b’ċerta serjetà li turi l-fidi kbira tiegħu, kien jgħid li dawk preżenti:
“Nistgħu nimmaġinaw li qegħdin fuq il-bokka tal-Purgatorju u nisimgħu t-tnehid tal-erwieħ jgħajtu f’widnejna: Għażiż ħuna, hawn qegħdin u aħna għadna għall-mistrieħ tagħna, għax int ukoll għad tkun f’dan l-istess tribunal li aħna diġà dħalna fih. O, x’għidizzju jiebes! O, xi ħruġja fil-kastig!”
Konklużjoni
Illum, hekk kif qegħdin infakkru l-ewwel mitt sena ta’ ħidma b’risq l-erwieħ tal-Purgatorju, ma nistgħux ma nħossux gratitudni kbira lejn Alla l-Imbierek u lejn il-Madonna tal-Karmnu, li taħt il-patroċinju tagħha l-Għaqda għażlet li tqiegħed ruħha.
Minkejja li għadda ħafna żmien, għadhom attwali ħafna l-kelmiet tal-Qaddej t’Alla Mons. Isqof Emmanuel Galea, li meta bierek l-Għaqda tagħna qal:
“Filwaqt li nixtequ li tkompli tikber fid-devozzjoni sabiħa lejn l-erwieħ tal-Purgatorju, inħeġġu mill-qalb lill-imseħbin kollha tal-Għaqda.”
L-isfida tal-Għaqda tagħna llum hija dik li permezz tal-membri tagħha tkompli tinfirex u tissaħħaħ din il-wirt spiritwali sabiħ li jfanna li tkebbes mitt sena ilu u ma jintifiex. B’hekk inżommu ħajja l-missjoni ewlenija tal-Għaqda: li nitolbu għall-erwieħ tal-Purgatorju u li nkunu xhieda tat-twemmin fil-ħajja ta’ dejjem.
Kitba: Ġorġ Agius, mill-Kalendarju 2026 li jitqassam kull sena mil-Għaqda.
Tixtieq tidħol Membru?
L-Arċisqof Pawlu Cremona ukoll kien membru ta’ din l-Għaqda.
Jekk trid tkun parti minn din l-Għaqda jew tkun sostenitur tagħha, agħżel minn dawn l-iskemi:
Skema 1 - Biex tikteb il-Mejtin
Din l-iskema hija maħsuba biex familjari jew ħbieb jiktbu lil xi ħadd għażiż għalihom li jkun miet. Permezz ta’ din il-kitba, il-mejjet jibbenefika mill-Quddies, it-talb u l-opri tal-karità li jsiru mill-Għaqda b’suffraġju għal ruħu. Il-ħlas għal din l-iskema huwa ta’ €5 jew aktar, b’mod liberu, għal kull persuna miktuba.
Skema 2 – Membru għal ħajtek u wara mewtek
Din l-iskema hija maħsuba għal kull min jixtieq jissieħeb bħala membru f’din l-Għaqda għal għomru u wara mewtu. Il-membri, barra li huma stess huma mħeġġa jitlobu għall-erwieħ tal-Purgatorju, jibbenefikaw mill-Quddies, it-talb u l-opri tal-karità li jsiru mill-Għaqda b’mod regolari. Wara l-mewt tagħhom, il-Għaqda tieħu ħsieb li jsiru tliet quddisiet b’suffraġju għal ruħhom. Il-ħlas għal din l-iskema huwa ta’ €25 jew aktar, b’mod liberu.
Skema 3 -Membri għal sena
Din l-iskema hija maħsuba għal kull min jixtieq jissieħeb bħala membru f’din l-Għaqda għal sena. Il-membri, barra li huma stess huma mħeġġa jitlobu għall-erwieħ tal-Purgatorju, jibbenefikaw mill-Quddies, it-talb u l-opri tal-karità li jsiru mill-Għaqda b’mod regolari. Il-ħlas għal din l-iskema huwa ta’ €2.50 fis-sena.
Skema 4 – Membri Sostenituri
Din l-iskema hija maħsuba għal min jixtieq ikun membru sostenitur. Min jixtieq jidħol f’din l-iskema jista’ jagħti offerta ta’ €30, €50, €100 jew aktar, b’mod liberu, biex ikun qed jgħin b’mod sostanzjali l-ħidma tal-Għaqda.
Permezz ta’ dawn l-offerti, tkun qed tgħin lill-Għaqda tagħmel quddies u tgħin kawżi ġusti b’suffraġju għall-erwieħ tal-Purgatorju u bit-talb għall-membri ħajjin.
Min jixtieq jibqa’ anonimu jista’ jagħmel dan.
Kif tkun Parti minn Skema:
Jekk tixtieq tkun parti minn xi skema, kull ma għandek tagħmel hu li tibgħat l-isem tal-iskema, l-offerta u l-intenzjoni tiegħek lid-direzzjoni, flimkien mal-isem, telephone jew mobile number u l-indirizz tiegħek.
Ħlasijiet:
Il-ħlas jista’ jsir b’ċekk, postal order, kif ukoll permezz ta’ Revolut jew BOV Mobile to Mobile payment fuq in-numru 79052050.
Indirizz: Segretarju Ġorġ Agius, Block 12, Flat 2, Triq San Lawrenz, il-Birgu, BRG1382
Contact Number għal aktar informazzjoni: 79052050
Talba li tingħad kuljum mill-Membri
Alla Missier il-ħniena, noffrilek il-Pjagi Divini ta’ Sidna Ġesù Kristu għall-erwieħ tal-Purgatorju, biex tithollas denjament għad-dejn tagħhom u teħlishom fit-Tgawdija Eterna Tiegħek. Ammen.
Il-Kumitat tal-Għaqda tal-Erwieħ tal-Purgatorju
Direttur Spiritwali: Rev. Mons. Paul Raggio
Segretarju: Ġorġ Agius
Membri:
Mario Alessandro
Paul Borg
Vince Lia
Jesmond Mifsud
Awditur: Martin Abela











