Minn Suldat tal-Imperatur għall-Martri tal-Fidi Nisranija…
Qaddisin li qatt ma smajna bihom
Santu Wistin Zhao Rong twieled fiċ-Ċina fl-1746; wara żmien fl-eżerċtu tal-imperatur, il-perseveranza tal-qaddisin martri qanqlitu biex iħaddan il-fidi Nisranija; sar saċerdot, u fl-1815 sofra l-martirju għax stqarr u xandar l-Evanġelju. Flimkien miegħu llum infakkru ħafna martri tal-Knisja ta’ Alla, isqfijiet, presbiteri, reliġjużi u lajċi rġiel u nisa, żgħażagħ u tfal, li tħabtu ħafna biex bil-kliem u l-għemil jagħtu xhieda għal Kristu f’bosta nħawi taċ-Ċina.
Ara x’qal il-Papa Ġwann Pawlu II waqt il-kanonizzazzjoni tal-martri taċ-Ċina.
“Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità.” Dan il-kliem, li Kristu qalu fit-talba saċerdotali li għamel lill-Missier fl-aħħar ikla tiegħu, qishom jgħiduh ukoll il-qaddisin u l-beati li l-Ispirtu s-Santu jqajjem f’kull żmien fil-Knisja tiegħu. Illum, elfejn sena wara l-bidu tal-opra tal-fidwa, aħna wkoll intennew din it-talba, waqt li nżommu quddiem għajnejna l-eżempji qaddisa li tawna Wistin Zhao Rong u l-mija u dsatax sħabu martri fiċ-Ċina. Alla l-Missier “qaddishom bi mħabbtu” biex jisma’ t-talba ta’ Ibnu, li “kiseb għalih poplu qaddis, u fil-passjoni tiegħu fetaħ idejh fuq is-salib, biex iħollna mill-irbit tal-mewt u jurina l-qawmien għall-ħajja.”
Il-Knisja trodd ħajr lill-Mulej, li berikha u dawwalha bid-dija tal-qdusija ta’ dawn ulied iċ-Ċina. Anna Wang, tfajla ta’ erbatax-il sena, żammet iebes quddiem it-theddid tal-qattiela tagħha li rieduha tiċħad il-fidi. Qabel ma qatgħulha rasha, b’moħħha fil-kwiet qalet: “Il-bieb tas-sema hu miftuħ għal kulħadd”, u għal tliet darbiet b’leħen mitfi lissnet l-isem ta’ Ġesù.
Si Kwi-Ci, żagħżugħ ta’ tmintax-il sena, li qatgħulu driegħu tal-lemin u kien qiegħed ihejju biex iqaxxruh ħaj, bla biża’ ta’ xejn għajjat u qal: “Kull silta minn ġismi, kull qatra minn demmi, tgħidilkom li jiena Nisrani.”
Bl-istess qawwa u ferħ taw xhieda tal-fidi tagħhom ħamsa u tmenin Ċiniżi oħra, irġiel u nisa ta’ kull età u stat ta’ ħajja, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, li bid-don ta’ ħajjithom issiġillaw il-fedeltà sħiħa tagħhom ma’ Kristu u mal-Knisja. Dan ġara matul medda twila ta’ snin fi żminijiet diffiċli fl-istorja tal-Knisja fiċ-Ċina.
F’din il-ġemgħa kbira ta’ martri hemm ukoll il-glorjużi tlieta u tletin irġiel u nisa oħra missjunarji, li ħallew art twelidhom u għamlu kemm setgħu biex jgħixu l-ħajja Ċiniża, ħabbew il-poplu u tħalltu miegħu, għax xtaqu jxandrulu ’l Kristu u jaqduh. L-oqbra tagħhom għadhom hemm biex juru li huma kienu wlied iċ-Ċina li għaliha kellhom imħabba sinċiera ta’ bnedmin li kienu, u qdewha b’ħilithom kollha. “Ma għamilna deni lil ħadd,” qal l-isqof Franġisk Fogolla lill-gvernatur li kien qiegħed ilesti x-xabla tiegħu biex joqtlu, “għall-kuntrarju, għamilna l-ġid lil ħafna.”
Jekk Jogħġbok, Agħfas Share ✅
Agħfas Follow 🔔 biex tirċievi aktar stejjer bħal dawn.





