Mod ġdid kif tħares - Ir-4 Ħadd tar-Randan
Riflessjoni dwar l-Evanġelju tar-Raba' Ħadd tar-Randan
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu; beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”.
Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”. Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek”. U keċċewh ’il barra.
Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu. Ġw 9:1,6-9,13-17,34-38
i. Kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu; beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara.
Faċli toqgħod tiddiskuti ta’ min hu t-tort,
f’min se twaħħal,
x’ġudizzju se tagħti:
l-agħma jibqa’ ma jarax.
L-agħma jibda jara
wara li Ġesù lemħu, iltaqa’ miegħu
wara li Ġesù ħa lilu u r-realtà bis-serjetà – diliklu għajnjeh bit-tajn -
wara li stiednu jara kollox mill-perspettiva t’Alla –
jinħasel fil-Mibgħut.
Irrifletti:
Fejn mistieden toqrob lejn it-tbatija tal-oħrajn flok tiġġudikaha mill-bogħod?
ii. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”. Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek”. U keċċewh ’il barra.
Kif inhi li minn persuni li jsaqsu, li jfittxu,
issa waslu biex ikeċċuh ‘il barra.
Kif inhi li qegħdin nużaw ir-reliġjon
biex noħolqu gwerra, biex neliminaw l-innoċenti?
Kif inhi li filli qed jesploraw perspettiva differenti (ma qablux bejniethom)
u filli jaqblu kollha fuq l-aktar veduti estremisti?
Irrifletti:
Fejn qed teħel ma’ idea li għandek u ma tinfetaħx għal perspettiva ġdida? X’inhi l-istedina t’Alla f’ħajtek bħalissa? Min qed ibati meta tingħalaq għaliha?
iii. Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu.
L-ideat f’moħħi,
jidhru kemm jidhru tajbin,
faċli jsiru għamad biex ma narax ir-realtà,
faċli jsiru arma li joqtlu r-relazzjoni.
Temmen inti f’Bin il-bniedem?
Hemm relazzjoni bażika ta’ fiduċja f’ħajtek?
Dak li miftuħ totalment għall-Etern, għall-Missier, jista’ jiftaħlek perspettiva ġdida?
Dak li miftuħ kontinwament għar-realtà – f’kompassjoni għal min iġorr it-tbatija –
jista’ jiftaħlek għajnejk għal dawk li aħna aktar komdi nħalluhom fl-agħma?
Irrifletti:
Ieqaf ftit mal-kliem “Nemmen, Mulej!”. Agħżel ġest biex tesprimi l-fiduċja f’Ġesù.
3. Missierna
Dawn ir-riflessjonijiet u aktar tista’ ssibhom fuq il-Paġna ta’ Facebook tal-Knisja ta’ Sant’ Anna taż-Żebbiegħ, l-Imġarr.
Inħeġġuk tagħfas Follow.







