Titwieled Tarbija wara 30 Sena fl-Italja
Il-villaġġ żgħir ta’ Pagliara dei Marsi f’Abruzzo, l-Italja, għadu kemm iċċelebra avveniment rari: it-twelid ta’ tarbija għall-ewwel darba fi kważi 30 sena.
Lara, li twieldet f’Marzu, żiedet il-popolazzjoni tal-lokalità għal madwar 20 resident. Il-wasla tagħha ġabet tama ġdida f’komunità li ilha tbati minn tnaqqis qawwi fil-popolazzjoni.
Dan il-każ jirrifletti kriżi nazzjonali usa’, magħrufa bħala x-“xitwa demografika” tal-Italja. Fl-2024, in-numru ta’ twelid laħaq livell rekord baxx, b’rata ta’ fertilità fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea. Minkejja inċentivi finanzjarji mill-gvern, din tibqa’ realtà persistenti.

Anke Malta qed taffaċċja sfida simili. Skont data reċenti tal-UE, Malta għandha l-inqas rata ta’ twelid fl-Unjoni Ewropea.
Meta r-raġel u l-mara jiżżewġu jsiru ġisem wieħed u meta jkollhom l-ulied isiru ko-kreaturi ma’ Alla. Il-ħajja ta’ kull bniedem hija rigal, u l-istess tarbija ġdida, hija rigal mingħand Alla u parteċipazzjoni tal-bniedem, mingħajr ma jistħoqqlu, fil-misteru tal-ħolqien.
Hekk kif għadna qed niċċelebraw it-Twelid ta’ Ġesù Bambin:
Ejjew nitolbu għal pajjiżna biex jibqa’ jgħożż il-ħajja umana f’kull stadju tagħha, mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha.
Nitolbu wkoll għal koppji biex jagħrfu s-sabiħ tal-familja, għal ġenituri biex irabbu lil uliedhom fl-imħabba ta’ Alla u għal dawk kollha li jixtiequ jkollhom it-tfal biex, bl-interċessjoni ta’ Sant’ Anna, il-padruna tat-trabi fil-ġuf li kellha lil Marija wara snin twal ħafna ma jistax ikollha tfal, biex jaslu biex jaraw il-frott tal-imħabba tajba ta’ bejniethom.
Nerħu kollox f’idejk, Mulej Ġesù. Int biss is-Sid tal-Ħolqien kollu.
Int biss taf x’inhu l-aħjar għalina.
Ħu ħsiebna Int.






