X’ġara mill-Maġi wara li żaru lil Ġesù?
Il-Vanġelu jgħid biss li l-Maġi ġew mil-Lvant, segwew l-istilla sa Betlehem, offrew ir-rigali tagħhom lil Ġesù Tarbija u rritornaw lejn pajjiżhom minn triq oħra mingħajr ma avżaw lil Erodi dwar fejn kien Ġesù.

Madankollu, it-tradizzjoni tal-Knisja tibni fuq ir-rakkont bibliku. Skont tradizzjoni antika, il-Maġi kienu tlieta u kienu jisimhom Melkjor, Gaspar u Baltassar, u kienu jirrappreżentaw it-tliet kontinenti magħrufa tad-dinja antika, L-Ewropa, l-Ażja u l-Afrika. L-esperjenza tagħhom ma’ Ġesù bidlithom profondament: jingħad li kkonvertew għall-Kristjaneżmu u li aktar tard xehdu għall-fidi tagħhom sal-martirju.
It-tradizzjoni tkompli li r-relikwi tal-Maġi ġew skoperti fis-seklu erbgħa minn Santa Elena hekk kif kienu magħrufa mill-ewwel Insara u ttieħdu fil-Belt Nisranija l-ġdida ta’ Kostantinopli.
Aktar tard ġew trasferiti għal Milan u fl-1164 waslu Cologne, fil-Ġermanja, fejn jinsabu sal-lum fis-Santwarju tat-Tliet Slaten ġewwa l-Katedral. Monasteru Ortodoss tal-Muntanja Athos jiddikjara li għandu l-istess rigali li l-Maġi offrew lil Ġesù: id-deheb, l-inċens u l-mirra.




