Illum x’Ġara?
Il-Knisja f’Malta illum għandha Tlett Kandidati ġodda għas-saċerdozju.
Dawn huma:
Luke Vella mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
Marvic Mallia mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema, l-Imqabba
Daniel Abela mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema, Ħad-Dingli
Il-Kandidatura saret dagħlodu fil-Konkatedral ta’ San Ġwann ġewwa l-Belt Valletta u tmexxiet mill-E.T. Mons. Charles Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.
X’qal Mons. Arċisqof?
Waqt il-quddiesa, l-Arċisqof laqa’ tliet seminaristi bħala kandidati għall-ordni sagri. Huwa talab sabiex l-'iva' ta' Marija tkun eżempju għalihom tul ħajjithom kollu u dak kollu li jagħmlu, jagħmluh dejjem bi mħabba ta' għotja.
X’inhi l-Kandidatura?
Fil-Knisja Kattolika, il-Kandidatura hija pass importanti fil-formazzjoni tas-seminaristi fil-mixja tagħhom lejn il-presbiterat (is-saċerdozju).
Dan jimmarka r-rikonoxximent uffiċjali tal-Knisja li s-seminarista hu adatt u lest biex jipproċedi lejn l-ordinazzjoni, wara perjodu ta’ dixxerniment, studju u tħejjija spiritwali. Dan ir-rit mhux sagrament, iżda impenn pubbliku li normalment jitwettaq matul il-formazzjoni fis-seminarju, spiss f’xi festa bħal dik tal-Immakkulata Kunċizzjoni. Bħal 'Iva' ta' Matija, il-Kandidatura tenfasizza l-għażla ħielsa tal-kandidat biex iservi.
L-aċċettazzjoni tal-Knisja, permezz tal-Ordinarju hija ukoll importanti ħafna filwaqt li l-Arċisqof itemm il-Kandidatura jinvoka l-grazzja ta’ Alla biex jagħti lil Kandidati l-perseveranza fil-mixja tagħhom wara Ġesu'.
Issa xi jmiss?
Bħal lum, bosta huma dawk li jmorru fuq il-Kandidati l-ġodda u jistaqsuhom: “Issa għal meta?” jew “Issa xi jmiss?” Ir-risposta perfetta għandha tkun “Issa f’idejn Alla” imma fil-prattika wara l-Kandidatura, s-Seminarista jiġi istitwit Lettur, imbagħad Akkoltu u wara li jagħmel il-wegħda taċ-Ċelibat dan jiġi ordnat djaknu u wara presbiteru. Proċess li jieħu madwar sentejn u nofs oħra.
Fuq kollox, tinsiex titlob għalihom u għal aktar Vokazzjonijiet 🙏🏻
Agħfas Share biex dan l-Artiklu jarah ħaddieħor.









